Il-Kelma ta’ llum ddawrilna ħarsitna lejn is-sejħa tagħna bħala Poplu ta’ Alla u bħala dixxipli ta’ Ġesù. Aħna lkoll għandna sejħa waħda: dik tal-qdusija jew kif iqegħdha tajjeb Ġesù li nkunu perfetti bħalma hu perfett il-Missier tagħna tas-Sema. Dan il-kmand Ġesù iġibu mill-Ktieb tad-Dewteronomju, jiġifieri l-Ktieb tat-Tieni Liġi. L-għeruq ta’ dan il-ktieb imorru lura għal taħdidiet u eżortazzjonijiet ta’ Mosé dwar il-Liġi (Kmandamenti) mogħtija lilu minn Alla fuq is-Sinaj. Hija biex ngħidu hekk reviżjoni u spjega tal-Liġi ta’ Alla lill-ġenerazzjoni ġdida ta’ Lhud li twieldet u trabbiet fid-deżert u ma kenitx parti mill-ġenerazzjoni ta’ qabilha li nħarġet mill-Eġittu u li lilha Alla ta l-Kmandamenti. Kien jeħtieġ spjega u reviżjoni qabel din il-ġenerazzjoni tidħol fl-Art Imwegħda, f’Kangħan pagana, biex dan il-poplu ma jitteħidx mid-drawwiet pagani tal-ġnus, hu li kien imsoffi mill-paganeżmu Eġizzjan fid-deżert. Is-silta ta’ llum tinftihem f’dan il-kuntest. Il-kapitlu 26 li minnu hi meħuda jagħlaq is-sensiela ta’ liġijiet li kellhom jiggwidaw il-poplu f’Kangħan u jagħtu l-qalba ta’ dawn il-liġijiet li hija li jkunu poplu qaddis ta’ Alla u kkonsagrat lilu u hekk ikun is-sinjal tal-qdusija ta’ Alla fost il-ġnus. Din hi s-sejħa għall-perfezzjoni li mbagħad jagħmlilna Ġesù fl-evanġelju u jqegħdilna quddiemna l-ideal li f’kollox nixbħu lil Alla u naġixxu bħalu u mhux bħall-pagani.
Aħna lkoll qegħdin ngħixu f’dinja li ma għadhiex iddur mal-valuri tal-qdusija ta’ Alla. Nistgħu ngħidu li qegħdin ngħixu il-ħin kollu f’kuntest pagan. Il-Kelma ta’ Alla llum tixprunana għall-attenzjoni biex ma nitteħdux minn mentalità pagana fi ħsiebna, fil-viżjoni tagħna tal-ħajja, fid-deċiżjonijiet li nieħdu, imma nibqgħu sodi fil-valuri tal-qdusija għax il-qdusija ta’ Alla tidher fil-qdusija tal-poplu tiegħu.
Go Ahead, Leave A Comment