QARI TAL-JUM

Est 4, 17
Salm 137 (138)
Salm 50 (51)
Mt 7, 7-12

OMELIJA

Fid-dinja klassika u antika is-soċjetà kienet maqsuma fuq ġerarkija ta’ poter bl-ogħla post miżmum mis-Sultan jew l-Imperatur li fuqu ma kien hemm ħadd, ħlief l-allat. Meta jmut il-poter mhux jintemm iżda jiżdied għax f’xi kulturi, bħal dik Rumana, jew Eġizzjana, is-Sultan jew l-Imperatur jieħu postu mal-allat. Minn hawn gejja il-kelma apotheosis. Minn din il-ġerarkija ben definita, ħażin għalih min jaqbeż f’post li ma jesgħux. Naturalment soċjetà tieħu l-forma tagħha u l-organizzazzjoni tagħha minn dak li temmen. U allura soċjetà bħal din ma nistgħaġbux li kienet tara l-ġerarkija tal-art bħala rifless tal-ġerarkija tas-sema.

L-istorja ta’ Ester moqrija fl-ewwel qari tal-quddiesa ta’ llum tinsab f’dan il-kuntest. Is-Sultan Assweru diġà kien ikkundanna lis-Sultana Vasti għax fettlilha tażżarda ma tmurx quddiemu meta dan sejħilha għall-ikel mad-dinjitarji li kellu mistiedna. Issa hawn Ester, li biex tidħol għall-poplu tagħha tażżarda ddeffes f’rasha tmur quddiem is-Sultan minn rajha mingħajr ma hu talab li tkun ħdejh. Qabel tagħti dan il-pass iżda hija tintefa fit-talb bħala waħda mill-anawim (il-fqar tal-Mulej, i.e. dawk li jafu li jiddependu totalment minn Alla) u fit-talb tagħha hija tistqarr li Alla waħdu hu s-Sultan tagħha: “Mulejja, int waħdek is-Sultan tagħna. Għinni għax jien waħdi, u m’għandi ebda kenn ieħor ħliefek, u bħalissa għaddejja minn periklu kbir”. F’dan is-Sultana Ester diġà turi l-fidi tagħha li Alla ta’ Iżrael ma għandu x’jaqsam xejn mal-imġieba tal-allat pagani, għax hi tista’ tmur quddiemu, titolbu għax kollha fiduċja li hu se jilqa’ talbha. Imbagħad, bl-istqarrija sabiħa li Alla waħdu hu s-Sultan, hija f’qalbha u f’moħħha tirrelativizza lil Assweru, Sultan ta’ din l-art. Jidwi hawnhekk l-eku tal-kliem ta’ Ġesù lil Pilatu “ma kien ikollok l-ebda setgħa fuqi li kienu ma ngħatatlikx minn fuq”. Għax tassew min hu ħabib ta’ Alla u ta’ ġewwa miegħu iqiegħed f’postha l-pretensjoni tal-kbarat tal-art li jaħsbu li laħqu l-quċċata tas-sema b’idejhom bla ma jindunaw li iktar ma juru li għolew ’il fuq iktar juru l-bassezza li fiha waqgħu! Ilkoll nafuha l-istorja ta’ Ester. Hija tmur quddiem is-Sultan u taqla’ minn għandu l-ħelsien tal-poplu tagħha.

Ġesù fl-Evanġelju llum, fl-istess linja ta’ ħsieb tal-ewwel qari jwissina biex ma nipparagunawx l-awtorità ta’ Alla mal-awtorità tal-bnedmin. Alla huwa Missierna li hu tajjeb u allura “ħwejjeġ tajba se jagħtina”. Din hi l-fiduċja li jrid ikollna. Għax jekk missier ta’ din l-art li hu ħażin jagħżel dak li hu tajjeb għal uliedu, kemm aktar Alla li hu t-tjubija nnifisha? L-imġieba tagħna għalhekk ukoll għandha tirrifletti dak li nemmnu u flok nimmaġinaw li Alla jaġixxi bħalma naġixxu aħna l-bnedmin, nitgħallmu nibdlu mġebitna skont l-imġieba ta’ Alla.

Dan huwa possibbli biss bit-talb. Huwa t-talb li għandu l-qawwa jibdilna u jittarsformana bħalma bidel il-qalb ta’ Assweru.

Staqsi lilek innifsek, kemm qed tħalli lil Alla jibdlek.

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook