Mar 2nd

Ras ir-Randan 2017

ByCarmelite Priory Mdina | In Lent & Easter, Reflections & Sermons

Fil-bidu ta’ dan ir-Randan ejjew ninsew dak li diġà nafu dwar dan iż-żmien. Ejja ninsew li rridu nsumu, li rridu nitolbu, li rridu nagħtu karità. U dan mhux biex ma nagħmlux karità, ma nsumux u ma nitolbux, imma biex ikollna ħarsa friska lejn il-qalba ta’ dan iż-żmien sabiħ li sfortunatament faċli jaħarbilna minn taħt għajnejna.

Biex jgħinna nagħmlu dan nixtieq li flimkien magħkom inwaħħlu l-attenzjoni tagħna fuq kelma li Ġesù fl-Evanġelju ta’ llum jużaha espliċitament sitt darbiet u impliċitament xi sitt darbiet oħra. Din il-kelma hija “moħbi”. Il-kelma Griega użata minn San Mattew fl-Evanġelju hija κρυπτός – kriptos li tindika xi ħaġa moħbija, sigrieta, mhux magħrufa, privata. San Pietru fl-ewwel ittra tiegħu jużaha din il-kelma biex jirreferi għall-qalba ta’ ruħna (1Pt 3:4) waqt li San Pawl fl-ittra lir-Rumani jużaha biex jindika lil Lhudi tassew li mhuwiex biss Lhudi għax inzerta hekk biċ-ċirkonċiżjoni, imma mill-qalb, f’kelma waħda minn ġewwa, mill-qiegħ jew mill-qalba ta’ ruħu (Rum 2:29). Għax hemm tkun taf il-bniedem x’inhu.

Kriptos tindika wkoll is-sigrieti tal-qalb li aħna naħbuhom mill-oħrajn u nħalluhom fid-dlam: dak li nħossu verament, dak li tassew nixtiequ, dak li tassew irridu.

Fil-Kotba Mqaddsa wkoll insibu li Alla huwa moħbi, ma nistgħux narawh, ma nistgħux insibuh, ma nistgħux ngħarfuh jekk hu ma jikxifx lilu nnifsu quddiemna. U allura kif jgħallimna Ġesù llum, aħna wkoll irridu ninħbew, nidħlu fina nfusna, biex insibu lil dak li hu moħbi. Dak kollu li hu estern jekk mhux imwieżen minn din l-interjorità isir idolatrija, għax noħolqu xbieha ta’ Alla, jew modi ta’ kif inħossu li se nersqu lejn Alla b’ġesti u mġieba li hija esterjuri. Dawn għalkemm mhumiex ħżiena minnhom infushom, meta huma maqtugħin minn dan l-atteġġjament ta’ li nkun fil-“moħbi” ma’ Alla li jgħarbel il-qalb tagħna u jikxef x’hemm fiha tassew u dak kollu li fiha, inkunu qegħdin naqgħu fl-idolatrija. U bħala Nsara f’pajjiżna ma nistgħux niċħdu li għandna problema serja ta’ idolatrija. U din il-problema tinsab fostna mhux tant għax għandna l-istatwi u l-pitturi, imma għax irriduċejna l-fidi u r-reliġjon tagħna għal atti u mġieba esterna. Ma nitilfux okkażjoni għal xi purċissjoni, xi statwa ġdida, u espressjonijiet oħra esterni li l-unika ħaġa li għandhom x’jaqsmu mal-fidi hija l-libsa ta’ figuri u persunaġġi bibliċi u qaddisa, il-bqija valur ta’ karru ta’ Karnival. Din il-problema ma turix ruħha biss fejn tidħol ir-reliġjon u l-fidi, imma tinfirex f’kull aspett tal-ħajja fejn l0iktar importanti hija l-qoxra ta’ barra, dak li jidher u mhux x’hemm fil-verità minn ġewwa.Naraw u mmissu b’idejna kultura ta’ superfiċjalità, raġunamenti u argumenti vojta, atteġġjamenti ta’ kultura mehdija biha nnifisha u allura nieqsa mir-rispett lejn Alla, l-bniedem, il-ħolqien.

Illum Ġesù qiegħed jisfidana u jisfidana bil-kbir biex insumu. Insumu mill-esterjorità jiġifieri mill-bżonn li biex ngħixu r-reliġjon u l-fidi tagħna neħtieġu ħafna atti esterjuri. Ġesù llum qiegħed jistedinna, jistedinna għall-intimità miegħu fl-interjorità tas-skiet u l-ġabra fis-smiegħ tal-Kelma tiegħu, bħal Marija ta’ Betanja li b’differenza minn oħtha li laqgħet lil Ġesù b’ġesti esterni tal-faċendi tad-dar biex Ġesù jkun komdu u jħossu milqugħ, hi laqgħetu billi qagħdet bi kwieta f’riġlejh tisimgħu jitħaddet. Ġesù llum qiegħed jagħtina kejl jew qjies biex inkejlu u nqisu jekk il-prattika reliġjuża tagħna tal-fidi hijiex idolatrija jew illużjoni jew infittxu lilna nfusna mehdijin induru ma’ żokritna, u dan il-qjies huwa l-karità tal-proxxmu. Din l-isfida, din l-istedina u dan il-qjies huma moħbija, għax minnhom trid tfur l-imġieba tajba tagħna u għax jimbuttawna, kif jgħallima l-Profeta Ġoel illum fl-ewwel qari, biex induru lejn Alla b’qalbna kollha; biex inċarrtu qlubna – ħalli quddiem Alla ngħixu fil-verità magħna nfusna, miegħu u mal-bnedmin – u mhux ilbiesna f’ġesti eserjuri.

Ġesù llum qiegħed jisfidana, jistedinna u jagħtina l-qjies ta’ kif għandna ngħixu l-ħajja moħbija flimkien miegħu f’Alla. Ejjew ma nitilfuhx fil-ħmerijiet dan iż-żmien tar-Randan għax dan huwa ż-żmien it-tajjeb, dan hu l-jum tas-salvazzjoni tagħna kif iwissina San Pawl fit-tieni qari ta’ llum.

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook