Fil-Karmnu tal-Mdina fid-depożitu tar-Relikwi tal-Qaddisin, tinsab relikwa interessanti għall-forma u għall-użu partikolari tagħha. Hija relikwa ċkejkna fl-għamla tagħha, forma ta’ id u fit-tarf imqabbda ma’ Katina eleganti tal-fidda. Fin-nofs in-naħa ta’ quddiem fiha frammenti ta’ reliwki ssiġillati u miksija bi ħġieġa u fuq in-naħa ta’ wara nsibu kitba mnqaxxa “S. ALBERTI CARO. CONFE” li tfisser: “SAN ALBERT KARMELITAN KONFESSUR (tal-fidi)”. Din ir-relikwija hija nteressanti għax l-għan tagħha mhuwiex dak li titqiegħed fil-knisja għall-qima tal-Insara fil-festa ta’ San Albert, iżda għaliex din ir-relikwija titniżżel fl-ilma fir-rit tat-tberik tal-ilma ta’ San Albert. Dan ir-rit isib l-għeruq tiegħu fil-ħajja ta’ San Albert minħabba li huwa mqabbel ma’ għajn ta’ ilma safja li ġġib il-ħajja hemm kull fejn tkun. Wieħed mill-għeġubijiet tiegħu kien li saffa bir ta’ ilma salmastru u hekk ħeles mill-epidemija u n-nixfa lill-poplu ta’ Agrigento mhedded mill-mewt. Wara mewtu wkoll, it-tifel tas-Sultan Pietru III ta’ Aragona, marid bid-deni li kien wasslu għall-mewt reġa’ ħa saħħtu lura malli tawh jixrob ilma mbierek bir-relikwi ta’ San Albert. Ta’ kull sena fi Trapani jitbierek dan l-ilma li jfejjaq mill-mard, imma li fuq kollox ifakkarna fil-Magħmudija u fl-għixien tal-ħajja fi Kristu. L-Irlanda, f’Whietfriars Street, Dublin, fil-Knisja Karmelitana nsibu l-magħruf “Bir ta’ San Albert” li fih l-ilma mbierek bir-relikwi tal-qaddis u li sa llum għadu mfittex min-nies għall-fejqan mill-mard tar-ruħ u l-ġisem. Fil-Kunvent tagħna wkoll fil-festa tiegħu jitbierek dan l-ilma ta’ San Albert nhar il-festa tiegħu.
Beneditt tal-Abati u Ġanna Palizi damu sitta u għoxrin sena, wara li żżewġu, jitolbu biex ikollhom it-tfal. Għalhekk wegħdu lill-Madonna li jekk ikollhom tifel u jkollu r-rieda, joffruh oblat lilha ħalli jaħdem għall-ġieħ tagħha. Għalhekk meta t-tifel kiber Ġanna ma ħallietx lil żewġha iżewweġ lil binhom Albert ma’ tfajla nobbli. Albert, binha l-waħdieni, issieħeb, mal-patrijiet Karmelitani li kien hemm fil-belt tagħhom ta’ Trapani, ġewwa Sqallija.
Albert minn ċkunitu wera ħajra kbira għat-tagħlim u għall-ħajja miġbura. Talab u staqsa nies tar-ruħ biex jitkixxef u jara x’inhi r-rieda ta’ Alla. Fl-aħħar qatagħha li jsir Karmelitan. Billi diġa’ kien midħla tal-knisja tal-Karmelitani, il-patrijiet kienu jafuh sewwa u laqgħuh fosthom b’idejhom miftuħa. Għadda żmien twil jistudja taħt l-aqwa għalliema Karmelitani li dak iż-żmien kienu miġbura fil-kunvent ta’ Trapani, fejn ġieli kienu jgħixu mal-mitejn reliġjuż. Albertu kien jitħarreġ ukoll f’ħafna għamliet ta’ tgħakkis billi kien jilbes iċ-ċilizzju, jorqod fuq il-qiegħa ta’ l-art, iħallat il-morr ma’ l-ikel u jsum ta’ spiss. Barra minn hekk kien igħaddi sigħat twal jishar fit-talb.
Għalkemm kien lest mill-istudji kollha li kienet titlob il-liġi tal-Knisja, beża’ jersaq lejn l-Isqof biex jordnah saċerdot. Kien daħħalha f’moħħu li ma jistħoqqlux dan il-ġieħ. Is-superjuri kellhom fehma oħra, u Albertu qagħad għar-rieda tagħhom. Malli sar saċerdot beda jaħdem bla heda, jippriedka u jgħallem kemm il-kbar u kemm lit-tfal. B’għemilu wettaq malajr il-ħolma li kellha ommu qabel ma twieled, meta kienet rat li qed tagħti lid-dinja torċa li bdiet tixgħel u ddawwal minn kulfejn tgħaddi. L-isem ta’ Albertu malajr bada jixxandar ma’ Sqallija kollha. Messina, Palermo, Agrigento, Corleone u bliet u rħula oħra kienu jitolbu biex Albertu jmur igħallem u jppriedka fil-belt tagħhom.
Meta kien f’Messina, din il-belt sabet ruħha assedjata mir-Re Roberto ta’ Napli. Waqa’ ġuħ kbir fuq il-belt. In-nies kienu f’tarf ta’ rewwixta kbira. Ħadd ma kien jaf x’jaqbad jagħmel. Kien jitlob bla heda biex Alla jeħles il-belt ta’ Messina. Ġabar folla ta’ nies ħdejn il-baħar u mexxiehom f’talb imħeġġeġ lejn Alla. B’għaġeb kbir ta’ kulħadd dehru tliet xwieni fuq ix-xefaq li rnexxielhom igħaddu minn taħt għajnejn l-għedewwa u daħlu f’Messina b’tagħbija kbira ta’ qamħ u ikel ieħor. Wara kulħadd fisser din il-ġrajja bħala grazzja kbira maqlugħa bit-talb ta’ Albertu.
F’Agriġento kienet faret ix-xmara Platano u ħafna nies kienu qegħdin jegħrqu. Albertu li, nzerta f’dik il-belt, daħal għalihom u salva ħafna mill-għarqa. Xi Lhud meta raw il-qdusija tiegħu riedu jħaddnu r-reliġjon nisranija. Fil-fatt San Albert kellu ġibda kbira lejn il-Lhud u kien jieħu pjaċir jgħallimhom it-tagħlim nisrani u jurihom kif Kristu kien il-Messija li huma kienu għadhom jistennew.
Għal xi ftit żmien Albertu kien Superjur Provinċjali tal-Karmelitani. Għamel ġid kemm seta’ lil kulħadd. Waqaf ma’ ħafna morda, u malli kien ikun jaf li xi ħadd kien ikun fil-bżonn kien imur jiġri jdur bih. Għalhekk meta fis-7 ta’ Awissu 1307, xterdet l-aħbar ma’ Messina li Patri Albertu ta’ l-Abati miet, kulħadd mar bi ħġaru lejn il-knisja tal-Karmnu. Kulħadd kellu f’fommu l-istess kelma “miet qaddis”.
Ftit jiem wara s-saċerdoti ta’ Messina u ġemgħa kbira ta’ devoti minn kull naħa nġabru biex jagħtu l-aħħar qima lil Albertu ta’ l-Abati. Imma nqalgħet tilwima bejn is-saċerdoti u n-nies li kien hemm. Is-saċerdoti riedu jagħmlulu l-quddiesa tal-mejtin fil-waqt li n-nies riedu li ssir il-quddiesa li soltu titqaddes lill-qaddisin konfessuri. It-tilwima ntemmet meta mill-għoli tal-knisja nstemgħu ilħna misterjużi li bdew ikantaw l-Antifona tad-dħul “Os Justi meditabur sapientia”, dik li soltu titkanta fil-quddies tal-qaddisin konfessuri tal-fidi.
Albertu ġie kanonizzat mill-Papa Sistu IV, u l-Ġeneral tal-Ordni Karmelitan Nikola Audet, amar li fil-knejjes kollha tal-Karmnu jkun hemm xbiha ta’ dan il-qaddis. Santa Tereża ta’ Ġesù u Santa Marija Maddalena de’ Pazzi kellhom qima kbira lejn Sant’Albert li kien meqjus patrun ta’ diversi bliet fi Sqallija, fosthom il-belt ta’ twelidu – Trapani. Fil-festa tiegħu jitbierek l-ilma biex bit-talb ta’ dan il-qaddis, il-morda jkollhom il-fejqan mid-deni. Il-festa ta’ Sant’Albert issir fis-7 ta’ Awissu.
San Albert ta’ Trapani huwa meqjus wieħed mill-Missirijiet Qaddisa tal-Karmelu għaliex fih jispikkaw il-valuri tal-ħajja Karmelitana
Go Ahead, Leave A Comment