“Hija tassew Verġni għax twieldet mill-Kelma ta’ Alla”. Hekk jiddefinixxi lil Santa Agata, San Metodju ta’ Sqallija, fis-seklu IX. Huwa jorbot il-Verġinita’ mat-twelid mill-Kelma ta’ Alla. B’dan il-kliem San Metodju jurina li kellu f’moħħu dak li jikteb San Ġwann fil-Ftuħ tar-Raba’ Evanġelju: li dak li ġie fiddinja, “lil dawk li laqgħuh tahom is-setgħa li jsiru wlied Alla, dawk li twieldu mhux mid-demm, lanqas mir-rieda tal-ġisem, imma minn Alla”. Il-Verġinita’ konsagrata ħuti għeżież, hija valur spiritwali, traxxendendtali, teoloġiku, jiġifieri ’il fuq mir-realta’ tal-ġisem. Il-Verġinita’ konsagrata hija l-ftuħ bis-sħiħ għal Alla, hija l-għotja sħiħa li tagħmel possibbli li l-persuna tilqa’ lil Alla u għalhekk issir wild tal-istess Alla u ġaladarba wild ta’ Alla, il-persuna ssir ta’ Alla u ta’ ħadd iktar. Il-Verġinita’ ma’ tagħmilx sens jekk mhux f’din ir-realta’. Ilbqija il-Verġinita’ hija l-ksur tal-ewwel kmandament li Alla ta’ lill-bniedem fil-Ġenesi li raġel u mara jsiru ħaġa waħda u jnisslu u joktru u jimlew l-art. Ilverġinita’ ma tagħmilx sens jekk ma hijiex marbuta għalhekk mal-isponsalita’. Fiż-żwieġ, fir-relazzjonijiet umani, fir-relazzjoni magħna nfusna u mal-ħolqien permezz ta’ rabtiet rispettużi ta’ mħabba u f’posthom, imma wkoll fir-relazzjoni ta’ għotja sħiħa lil Alla. Huwa għalhekk li lill-Verġni nitkellmu dwarhom f’termini ta’ għerusija, żwieġ, sponsalita’ ma’ Kristu. Il-verġinita’ u l-isponsalita’ ma jistggħux jinfirdu minn xulxin. Fid-dinja bibblika, kundizzjoni għaż-żwieġ kienet il-verġinita’ u dan għal raġuni sempliċi u loġika ħafna: kif nista’ jiena ngħidlek li jiena ħaġa waħda miegħek, ġisem wieħed miegħek, jiena tiegħek u se nkun tiegħek għal dejjem, meta jiena ġa fil-fatt u fil-prattika kont ta’ ħaddieħor?! Filħsieb bibbliku ma’ teżistix sponsalita’ mingħajr verġinita’ u verġinita’ mingħajr sponsalita’. U jekk dan jidher ideal u raġunar ta’ dinja idillika u ideali, nirriflettu ftit l-aktar għeżież dwar dak li qed jiġri madwarna. F’liema dinja ideali qegħdin ngħixu? Nistaqsu aħniex qed ngħixu aħjar fit-tkissir ta’ din l-armonija ppreżentata quddiemna mir-Rivelazzjoni fil-Kotba Mqaddsa.
Huwa proprju minn dan il-ħsieb bibliku tar-rabta tal-verġinita mal-isponsalita’ li Alla permezz tal-profeti tiegħu iqabbel lil Israel ma’ għarusa li Alla għażilha kollha kemm hi għalih u hi żniet ma’ allat u popli oħra, f’kelma waħda ma’ baqgħetx tiegħu. Huwa minħabba din il-loġika biblika li San Pawl Missierna jistaqsi mistgħaġeb, kif l-insara ta’ żmienu jistgħu jgħidu li huma ta’ Kristu, ġisem wieħed miegħu, meta fil-fatt jiżnu, jew jibdlu l-lealta’ tagħhom lejn Kristu ma’ lealta’ lejn dak li hu kontra Kristu! X’xirka hemm bejn Kristu u Beljar? jistaqsi mbellah Pawlu! Huwa f’dan il-kuntest li għandna nifhmu lil Agata u l-leġġenda tagħha. Lewwelnett il-kelma leġġenda, ma tfissirx ħrafa, imma tfisser kitba magħmula biex tinqara, tinqara pubblikament ħalli kulħadd jismgħaha. Minn hawn biss mela nindunaw li l-leġġenda jew il-ġrajja ta’ Agata, speċjalment il-ġrajja talmartirju tagħha, hija kitba li mhux biss trid tirrakkuntalna lil Agata imma iktar minn hekk, kitba li trid tgħallimna, trid tgħaddielna messaġġ, għax Agata hija din it-tfajla twajba u sabiħa li tiġbidna bil-fwieħa tal-qdusija tagħha, dik li fi kliem san Pawl tissejjaħ bħala “l-fwieħa ta’ Kristu”. Isimha fil-fatt ifisser “Twajba”, “Sabiħa”, “Bla mittiefsa” jew “Safja”. Din it-tjubija, is-sbuħija u s-safa tagħha hija l-kalamita biex ngħidu hekk li tiġbed lejha mhux biss lill-bnedmin imma lil Alla! “Iġbidna warajk, xebba bla tebgħa, il-fwejjaħ tiegħek fihom fwieħa li tgħaxxaq” jgħanni l-Maħbub lill-maħbuba tiegħu fl-Għanja tal-Għanjiet.
Dan il-kliem li l-Knisja tapplikah għall-Verġni Mqaddsa Marija l-ewwel u qabel kulħadd, għandu jkun l-ideal tar-ruħ nisranija li hija x-xebba għarusa ta’ Kristu. “Jiena għarrastkom ma’ Kristu bħal xebba safja” jisħaq San Pawl mal-Insara li hu nissel fi Kristu. Iktar minn hekk dan hu l-ideal tal-Verġni Konsagrati li bi grazzja ta’ Alla jinsabu wkoll fi żmienna fil-Knisja Universali u fid-Djoċesi tagħna – uħud minnhom jinsabu fosta hawn illum jiċċelebraw lil Santa Agata li hija waħda mill-ommijiet spiritwali tagħhom li tgħallimhom u tgħallem lilna lkoll dixxipli ta’ Kristu kif nitqabdu mad-dinja sew jekk tħajjarna sew jekk tjassarna. It-tħajjir u l-jasar huma żewġ forom ta’ persekuzzjoni aggressiva. Tal-ewwel sottili, tal-aħħar vjolenti. Il-Kristjanezmu ħuti għeżież, madwar id-dinja kollha għaddej minn persekuzzjoni taħt dawn iż-żewġ forom. Iva, għeżież ħuti nsara il-Knisja ta’ Kristu llum hija ppersegwitata b’mod aggressiv, ħelu ħelu fil-Punent u b’mod aggressiv u vjolenti fil-Lvant. Illum stess għeżież tiegħi, ħafna nsara minħabba l-fidi tagħhom fi Kristu, minħabba l-valuri tagħhom mhux biss reliġjużi imma wkoll umani, bħar-rispett tal-ħajja mit-tnissil sal-mewt, ir-rispett taż-żwieġ u l-familja, il-liberta’ tal-kult u l-prattika tal-fidi, qegħdin jiġu maqtula, mitfugħin il-ħabs, imsikkta u mmaltrattati minħabba fi Kristu. U aħna għeżież tiegħi? Aħna fl-Ewropa, f’pajjiżna? Aħna qegħdin niġu nnewtralizzati. Ħallejna d-dinja ddaħħlilna f’rasna u f’moħħna li llum trid tkun politikament korrett u allura ma tgħidx l-affarijiet kif inhuma ċari u tondi mingħajr tidwir mal-lewża!
X’tagħmel illum kieku l-verġni u martri għal Kristu, Agata! Aqraw daqsxejn ittweġibiet tagħha quddiem il-Prefett Kwinzjanu! Ma hemmx logħob bil-kliem! Ma hemmx ħajra għaż-żegħil! Ma hemmx biżgħa mit-theddid! Il-ġrajja ta’ Agata hija tagħlima u twissija għalina fid-dettalji kollha tal-martirju tagħha. Għalkemm nafu li mietet martri u li l-kult tagħha kien wieħed qawwi mad-dinja nisranija, ma nafux bl-eżatt il-fatti tal-martirju, hemm ħafna verżjonijiet, fosthom li Agata ħarbet ma xi xebbiet verġni lejn il-gżejjer Maltin u stkennet f’dan l-imkien. Għaldaqstant il-ġrajja li waslitilna dwarha iktar trid turina l-għaliex Agata hija mudell għalina biex inkunu rebbieħa ma’ Kristu milli tkun storikament korretta. L-ewwelnett, il-leġġenda tgħidilna li, Kwinzjanu l-Prefett Ruman kien miġbud lejha għat-tjubija u s-sbuħija tagħha u riedha għalih. Araw il-bniedem immexxi bl-impulsi tal-emozzjonijiet, saħansitra dak li hu qaddis u safi, iniġġes.
Fi żmien il-persekuzzjoni ta’ Deċju, waħda mill-aktar ħorox, dan Kwinzjanu, jinġibed lejn din it-tfajla ta’ 15-il sena u flok ma’ l-ewwel ippersegwitaha għax hi nisranija, jittanta jagħmilha tiegħu, jeħodha għalih. Kif? Huwa jħalliha tgħidilna l-Leġġenda tad-Deheb f’idejn Afrodisia u d-disa’ bnietha. Afrodisia skont il-leġġenda kienet Matrona u Kortiġġana, f’kelma waħda mara tat-triq bi professjoni. L-isem Afrodisia, ġej mill-Grieg u jfisser, xewqa mħeġġa. Afrodisia huwa isem ta’ belt fit-Turkija ddedikata lill-alla Griega Afrodite, l-alla tassbuħija, tal-pjaċir, taż-żina u tas-sesswalita’, kif ukoll tal-ġonna. Bil-Latin, Afrodisia naqilbuha Konkupixxenza, u hija l-għerq jew l-omm ta’ dawk li nsejħulhom l-irjus tad-dnubiet il-mejta, u mhux biss tad-dnubiet marbuta massesswalita’. Fit-tradizzjoni Latina huma sebgħa, fit-tradizzjoni tal-Lvant huma tmienja u xi wħud iżommu li fil-qedem kienu disgħa. Id-disgħa wlied talkonkupixxenza huma:
Mela meta l-ġrajja ta’ Agata tgħidilna li Kwinzjanu l-ewwel ma’ għamel kien li ħalliha jew tefgħaha f’idejn Afrodisia u d-disa’ bnietha żienja, qed jgħidilna li Agata it-twajba, is-sabiħa, il-bla mittiefsa, kellha titqabad l-ewwel u qabel kollox ma’ l-għerq u mal-irjus tad-dnubiet li jfittxu li jaqtgħuna minn ma’ Kristu. Agata kienet imdawwra minn dinja pagana. Dinja li l-ewwel forma ta’ persekuzzjoni kienet l-istess bħalma hi dik li għandna ddawwarna llum: persekuzzjoni aggressiva imma li tnawwrilna l-ħajja spiritwali ħelu, ħelu. Min iċedi għat-tħajjir tal-konkupixxenza jaqa’ fl-idolatrija, jibdel lil Alla mal-ħwejjeġ tal-art li għalih isiru allat li jmexxulu qalbu u ruħu. Huwa għalhekk li Agata tiġi mistiedna wkoll taħraq l-inċens quddiem l-idolu pagan tal-frugħa! Għeżież tiegħi Agata tgħallimna li ma hemmx rebħa fil-martirju mingħajr ma’ hemm rebħa l-ewwelnett fuq dawn il-qawwiet li jgħollu rashom ġo darna stess, fil-qalb tagħna, fis-soċjeta’ tagħna. Għeżież tiegħi, jekk qabel missirijietna kienu jqisu d-dinja bħala għadu tar-ruħ, illum mill-banda l-oħra, ukoll bħala Knisja, tħabbibna wisq mad-dinja! Għamilna wisq ħbieb magħha hekk li ħallejla lil Kwinzjanu ta’ żmienna jdaħħalna fid-dar ta’ Afrodisia u ħalliena f’idejha u f’idejn id-disgħa wlied żienja tagħha! Inqegħdu jdejna fuq sidirna u naraw jekk aħniex bħala Agata rasna iebsa, weqfin bla twegħir quddiem Afrodisia u l-ulied tagħha! Agata tgħallimna li l-ewwel taqbida hija mal-għeruq tal-ħażen li hemm ġewwa fina, din il-kilba u l-ġibda li jitilfulna rasna għal wara l-ħwejjeġ tad-dinja. Araw kif twieġeb Agata, bi kliem l-Evanġelju fuq fommha, dwar id-dar mibnija fuq il-blat, quddiem dan it-tnassis tal-għadu li jħajjar għall-ħażin: “Ir-rieda tiegħi imsejsa fuq il-Blata, u din il-Blata hija Kristu. Kliemkom u t-tħajjir tagħkom huwa bħar-riħ; il-wegħdiet tagħkom bħax-xita u t-tehdid bħall-ilma tax-xmara, li għalkemm jaħbtu fuq issisien tad-dar tiegħi mhumiex se jwaqqgħuha”. Neżaminaw illum ħuti għeżież jekk ħajjitna hijiex mibnija fuq Kristu il-blata samma jew fuq ir-ramel jew ir-riħ, ix-xita u l-ilma li ma tista tibni xejn fuqhom għax mhumiex stabbli, jiġu u jmorru.
Rebbieħa f’din it-taqbida spiritwali, Agata, tiġi ppersegwitata b’mod ieħor aggressiv, din id-darba vjolenti. Agata tirbaħ għax hi ħielsa mix-xkiel talgħeruq tal-ħażen. Hija tistqarr li hi ħielsa u nobbli, ħielsa u nobbli għax mhijiex qaddejja tal-ġibdiet u l-ħajr tad-dinja imma qaddejja ta’ Kristu. Huwa Kristu biss li jagħtina l-ħelsien jekk aħna qaddejja tiegħu. Il-qadi tad-dinja ijassarna, jagħmilna ilsiera tad-dnub u l-ħażen, ilsiera tagħna nfusna. Fi Kristu biss ilħelsien tagħna minna nfusna u minn kull xkiel. Arawha, mitfuha l-ħabs, marbuta fil-ktajjen u tistqarr li hi ħielsa. Miżmuma lsira u fil-miżerja u tistqarr li hija nobbli. U hekk hu għax in-nobilita’ ma’ tiġix mis-setgħa u l-qawwa taddinja, imma mill-qalb sħiħa u integra. Kwinzjanu f’għajnejn id-dinja kien nobbli għax f’idejh it-treġija, imma f’għajnejn Alla u f’għajnejn Agata kien baxx, ilsier ta’ xewqatu egoista għax il-ħelsien ma jiġix minn kemm nista’ nagħmel li rrid imma milli ma nkunx marbut mill-imħabba żejda u egoista tiegħi innifsi u taddinja ta’ madwari. Dawn ikissrulna u jeħdulna d-dinjita’ tagħna ta’ wlied Alla. Mhux ta’ xejn li r-rakkonti jgħidulna li Kwinzjanu jordna l-qtugħ tal-isdra (proprjament il-bżieżel – mammillam u mhux mammae) ta’ Agata li simbolikament juru l-identita’ u d-dinjita’ tal-mara. Li tferi mara fis-sider tagħha jfisser li tkissrilha u tneħħilha d-dinjita’ u l-identita’ tagħha. U hawn ukoll simbolikament dan id-dettal jagħtina messaġġ. Meta naqdu d-dinja u nintrabtu u nixxekklu fiha nitilfu d-dinjita’ u l-identita’ tagħna ta wlied Alla. Mitfugħa fil-ħabs, tgħidilna l-ġrajja, jersaq lejha San Pietru ħalli jfejjaqha. Pietru li fih tinġabar il-Knisja għandu s-setgħa taċ-ċwievet mogħtija lilu minn Kristu: “Inti Pietru u fuq din il-blata jiena nibni l-Knisja tiegħi u s-setgħat talĦażen ma jgħelbuhiex. Dak li tħoll fuq l-art ikun maħlul fis-sema u dak li torbot fl-art ikun marbut fis-sema”. Is-setgħa taċ-ċwievet hija s-setgħa li jfejjaq u jerġa’ jagħti lura d-dinjita’ lill-bniedem li jkun jitlifha minħabba lpersekuzzjoni tad-dinja u tal-ħażin. U minn hawn l-istedina lill-Knisja, stedina, li tagħmilhielna llum il-festa ta’ Santa Agata. Stedina li jagħmilhielna l-Papa Franġisku: ejjew inkunu Knisja li tfejjaq u li tagħti mill-ġdid id-dinjita’ lillbniedem.
Fl-aħħarnett, Verġni Qaddisa u Martri ta’ Kristu, nitolbuk tieqaf magħna u tgħallimna ma’ nibżgħux minn dawk li joqtlu l-ġisem imma minn dak li joqtol irruħ. Għallimna u qawwina biex nieqfu b’qawwa fit-tiġrib, fil-ħtiġijiet, fit-twegħir u t-tiġrib, fl-għejja, bis-safa, bl-għerf, bis-sabar u t-tjubija, bi spirtu ta’ qdusija, imħabba sinċiera, fis-sewwa u l-qawwa ta’ Alla bl-armi tal-ġustizzja, fir-riżq tajjeb u ħażin. Ħarisna, o Agata, Patruna tagħna, u kif darba xbihetek mimlija sebħ ħarrbet l-għadu tal-ġisem, ħarisna llum mill-għadu sottili li jdur u jnassas magħna ifittex lil min jibla’. O glorjuża Verġni u martri ta’ Kristu li sa minn eta’ bikrija ngħatajt bis-sħiħ lil Kristu u sirt tixbaħ lilu Ħaruf bla tebgħa, idħol għalina u qawwina fil-fidi u l-fedelta’ tagħna lejn Kristu u l-Evanġelju tiegħu mingħajr biża’ u tnikkir sa ma naslu li naraw flimkien miegħek lil Alla wiċċ imb’wiċċ fi-sema. Hekk ikun.
Patri Charlo Camilleri O.Carm
Go Ahead, Leave A Comment