JesusIl-wasla tar-Randan iġġib dejjem magħha f’moħħi l-kwestjoni tas-sawm u l-astinenza. Kull sena f’dan iż-żmien waqt iċ-ċelebrazzjoni tal-liturġija, aħna u nsemmu s-sawm u l-penitenza, inħossni xi ftit skomdu, għax l-impressjoni li nieħu bħala saċerdot hija, li dan hu kliem li ma jirriflettix ir-realtà. Ma naħsibx li nkun qed niżbalja jekk ngħid li s-sens tas-sawm u l-prattika tas-sawm spiċċat minn fostna.

Il-liġi tal-Knisja tobbliga għas-sawm u l-astinenza mil-laħam nhar l-Erbgħa tar-Rmied u l-Ġimgħa l-Kbira. Il-Ġimgħat ukoll ta’ matul is-sena huma jiem ta’ penitenza u astinenza. Obbligati għall-astinenza huma dawk li għalqu l-14 il-sena waqt li obbligati għas-sawm huma dawk li għalqu t-18. Eżenti mis-sawm huma dawk minn 60 sena ’il fuq jew huma morda, jew inkella xi ħtieġa oħra titlob li jinkiser is-sawm. Għal min jaħseb li s-sawm huwa biss liġi tal-Knisja sejjer żball, is-sawm u l-ispirtu ta’ penitenza huma liġi divina (ara Ġer 18:11, 25: 5; Eżek 18:30; 33:11-15; Ġoel 2:12; Mt 3:2; Mt 4: 17; Atti 2: 38). Ġesù huwa ċar ukoll dwar il-fatt li d-dixxipli tiegħu isumu meta hu, l-għarus ma jkunx għadu magħhom (ara: Lq 5:35). Għaldaqstant, ir-regola tas-sawm proposta mill-Knisja fil-liġi tagħha, hija mod ta’ kif jgħinna nqegħdu fil-prattika l-liġi divina tas-sawm u l-penitenza li tgħinna l-ewwelnett inneħħu żżejjed mill-ħajja tagħna, niffukaw iktar fuq Alla u l-valuri tas-Saltna, niftħu qalbna u jdejna għal min hu fil-ħtieġa u fl-aħħarnett, it-trażżin u n-nuqqas jgħinna niftakru fid-dgħjufija u x-xejn tagħna waqt li nitgħallmu napprezzaw il-barka u l-providenza ta’ Alla li tweżinna.

Inħoss li dan l-ispirtu naqas sewwa mill-ħajja spiritwali tan-nisrani Kattoliku! U forsi parti mill-ħtija ġibniha fuq saqajna għax minn xi żmien ilu lil hawn il-Knisja ħaffet il-liġi tas-sawm u l-astinenza, biex tħalli fil-libertà u f’idejn il-maturità tan-nisrani ir-regola tas-sawm. Ir-riżultat ta’ dan huwa li aktarx iva milli le, tlifna s-sens ta’ kollox, bħalma ntilef is-sens tad-dnub. Forsi huwa l-każ ta’ “minn estrem morna f’ieħor”.

Sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja l-Erbgħa, l-Ġimgħa u s-Sibt, matul is-sena kienu dejjem jiem ta’ sawm u penitenza. L-Erbgħa fit-tifkira tat-tradiment ta’ Ġuda għal 30 biċċa tal-fidda, il-Ġimgħa l-Mewt qaddisa ta’ Kristu u s-Sibt id-difna għażiża tiegħu u l-jum tas-sahra bi tħejjija għall-Qawmien mill-Mewt ta’ Sidna.

Is-sawm kien ifisser li f’dawn il-jiem matul is-sena, fir-Randan, kif ukoll fil-vġejjel tal-festi kmandati, u fi żminijiet partikulari ta’ penitenza wieħed kien isum mil-laħam u dak kollu li hu msajjar bih, mill-bajd, miż-żejt taż-żebbuġa, mill-ħalib u dak kollu li ġej minnu u mil-laħam tal-ħut, mill-inbid u x-xorb. Is-sawm ma kienx tant ifisser li ma tikolx, iżda li tiekol ikel fqir, sempliċi u frugali (tant hu hekk li kien hemm ukoll il-ħelu tar-Randan, bħall-kwareżimal u l-karamelli tal-ħarrub u riċetti tar-Randan) li jgħinek ukoll taqsam mhux biss mill-ġid tiegħek ma’ min jinsab fil-ħtieġa, iżda wkoll il-ħajja fqira u frugali. Wieħed kien mistenni jsum ukoll min-nofs-il-lejl qabel jitqarben (u mhux siegħa qabel) sabiex jitħeġġeġ bix-xewqa ta’ Kristu, l-Ħobż tal-Ħajja. Il-Knejjes tal-Lvant sa llum għadhom iżommu dan l-obbligu tas-sawm.

Ħu bis-serjetà l-impenn u l-obbligu tas-sawm dan ir-Randan bħala eżerċizzju li jgħinek tistenna l-ħajja ta’ dejjem, torbot qalbek ma’ Kristu, tgħix is-solidarjetà ma’ tant ħutna mġewwħin u foqra, tqassam għotjiet ta’ karità u tiġi wiċċ imb’wiċċ mal-faqar eżistenzjali tiegħek waqt li tinduna li fil-ħajja teħtieġ lil Alla u l-providenza tiegħu.

One Comment to "Is-Sawm u l-Astinenza tar-Randan"

  • Carmelite Priory Mdina
    01/03/2020 at 6:34 pm

    Grazzi tal-kumment tieghek. Fil-fatt jekk taqra sew hemm imniżżlin il-ġimgħat kollha matul is-sena bhala jiem ta’ astinenza.

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook