In-nies ta’ Nazaret, li tant kienu familjari ma’ Ġesù u l-familja tiegħu, stagħġbu … mhux għax emmnu fih u f’dak li kellu xi jgħid imma għax għalihom Ġesù kien sempliċiment “bin il-mastrudaxxa.” Madanakollu Ġesù stenniha reazzjoni bħal din għaliex tassew li “ebda profeta ma milqugħ tajjeb f’pajjiżu.” Iġib l-eżempju ta’ żewġ profeti mill-Antik Testment li marru jxandru t-tjubija tal-Mulej ’il barra minn Iżrael. Elija kien mibgħut għand armla minn Sidon (fejn aktar ’il quddiem Ġesù wkoll fejjaq it-tifla ta’ mara armla), u Eliżew kien mibgħut għand Nagħman, gvernatur fis-Sirja. Bl-istess mod, Ġesù jagħraf li l-missjoni tiegħu kellha tieħdu ’l barra minn Iżrael, ’il barra minn dak li kien soċjalment u reliġjożament aċċetabbli. U ta’ spiss fil-ħajja spiritwali tagħna, Ġesù jistedinna nagħmlu l-istess … noħorġu minn hemm fejn aħna drajna nkunu komdi u żguri biex nieħdu pass fid-dlam. Il-paradoss huwa li aktar ma nintelqu kollna fiduċja f’Ġesù, permezz ta’ dawn il-passi fid-dlam – minkejja li mhux dejjem inkunu ċerti minna nfusna u mhux dejjem nifhmu għaliex Ġesù qiegħed jistedinna nieħdu ċerta triq –, aktar insibu lilna nfusna magħqudin miegħu.
Interessanti kif ir-reazzjoni tan-nies għal kliem Ġesù kienet ir-rabja, “ħarġuh fuq xifer l-irdum … u riedu jixħtuh għal isfel.” Illum il-ġurnata kieku kelli jiġi xi ħadd bħal Ġesù, raġel komuni, imdorrijin narawh viċin tagħna, u jibda jisfida dak li l-aktar inżommu għażiż għalina, x’aktarx li se jkollna l-istess reazzjoni. Bid-differenza li llum l-omiċidju għal motivi reliġjużi m’huwiex soċjalment u reliġjożament aċċettabbli. Għaldaqstant ir-rabja tagħna tkun ta’ xejra oħra, qlajja’, ġudizzji, gideb, eċċ. Tassew li l-bniedem ma nbidilx f’elfejn sena? Ta’ min inħarsu ftit lejna nfusna u nagħmlu eżami tal-kuxjenza, u nistaqsu lilna nfusna din il-mistoqsija: illum Ġesù x’qiegħed imissli sagrosant mill-ħajja tiegħi? U x’inhi r-reazzjoni tiegħi għal dan?
Go Ahead, Leave A Comment