Il-Karmelu minn dejjem kien meqjus skola ta’ talb! Dan jgħarfuh mhux biss ir-Regula, l-Kostituzzjonijiet u d-Dokumenti tal-Ordni, imma wkoll il-kontribut u r-rwol fil-Knisja tal-Qaddisin Karmelitani li dejjem spikkaw bħala Għalliema tal-Ħajja Ġewwinija: il-Ħajja tat-Talb. Il-Papiet, ukoll dawk reċenti, jgħarfu lill-Karmelitani tassew, bħala esperti tal-ħajja tat-talb, tat-taħdita ma’ taqta xejn ma’ Alla. Wieħed mill-mezzi biex wieħed jasal għal dan l-ideal kienet Ir-Regula tat-Talb Personali.
Fl-Arkivju tal-Karmnu tal-Mdina insibu diversi pitazzi ċkejknin mimlijin bit-talb vokali, ġakulatorji u eżerċizzji tat-talb għal kull jum. Dawn il-pitazzi ċkejknin li wieħed jista’ jġorrhom dejjem fuqu kienu tal-patrijiet u l-frajiet l-imgħoddija. Dari kien hemm id-drawwa sabiħa li fin-novizzjat, is-Surmast kien jagħti lin-novizzi din il-biċċa xogħol li jfassal għalih il-ktejjeb tat-talb. Kien hemm it-talb komuni li wieħed kellu jidra’ jgħidu kuljum fil-privat fil-ġabra taċ-ċella f’ħinijiet partikulari bħal ngħidu aħna bi tħejjija għall-quddiesa jew għal-Liturġija tas-Sigħat qabel ma wieħed jinżel mal-komunità fil-Knisja jew fil-Kor. Kien hemm mil-ġakulatorji li wieħed kien jidra jgħidhom spiss matul il-jum biex jgħix kontinwament fil-preżenza ta’ Alla. Ma’ dawn in-novizz, u l-patri kien iżid fil-pitazz tiegħu it-talb tiegħu partikulari. Hekk li meta tqabbel il-pitazzi flimkien tara li hemm talb komuni li kien jgħaqqad lil kulħadd flimkien ukoll meta t-talb jingħad fil-privat, imma wkoll tara varjetà u diversità minn pitazz għal ieħor, varjetà li tikxef l-ispiritwalità tal-patri partikulari li jkun fassal il-pitazz tat-talb.
Pitazz tat-talb ta’ P. Avertan Fenech, O.Carm. li miet b’fama ta’ qdusija.
Għalkemm il-Knisja tistabilixxi li n-nisrani għandu jifforma ruħu fil-ħajja tat-talb, ma tobbligax għal talb personali partikulari, tħalli f’idejn dak li jkun biex bl-għajnuna tad-direttur spiritwali u wkoll tal-ispiritwalità proprja personali, dak li jkun ifassal għalih Regula tat-Talb. It-talb personali għandu jkun bħal kontinwazzjoni u espressjoni personali tas-sehem regolari tagħna fil-Liturġija tal-Knisja (Quddies, qrar, tqarbin, sagramenti), fis-sawm, meditazzjoni tal-Kelma ta’ Alla, qari spiritwali, għixien tal-kmandamenti u x-xewqa li nfittxu kontinwament lil Alla f’kollox u f’kull ħin. Mingħajr dawn ma hemmx ħajja ta’ talb. Is-sehem tagħna fil-ħajja tal-Knisja huwa l-presuppost għal ħajja ta’ talb tassew nisranija.
Ir-Regula tat-Talb personali għandha tkun kemm jista’ jkun sempliċi u adatta għall-persuna u preferibbilment għandha tkun maqsuma f’ħinijiet fissi u partikulari tal-ġurnata. Kemm jista’ jkun wieħed għandu jibqa’ fidil lejn din ir-Regula tat-talb li jkun fassal għalih u jekk isir xi tibdil, isir biss għax meħtieġ u mhux skont l-aptit, bil-parir mad-direttur spiritwali jew ma persuna li qed tgħix ukoll il-ħajja tat-talb. Santa Tereża tgħallimna li l-ewwel Għalliem u Direttur iżda huwa Kristu u l-Ispirtu tiegħu li jgħammar fina. Meta nieħdu bis-serjetà l-ħajja tat-talb inkunu qegħdin nobdu l-kmand ta’ Ġesù biex “nitolbu bla ma naqtgħu”.
Ir-Regula tat-Talb ta’ kuljum l-aħjar li jkun fiha dawn l-elementi li jgħinuna nitolbu spiss fil-ġurnata. Minn 1-4 wieħed jista’ juża l-Brevjar jew jgħid xi talb ieħor bħall-Missierna, Sliema u Qaddisa u l-offerta tal-ġurnata.
1.Talba ta’ filgħodu
2.Talba ta’ nofs il-jum
3.Talba ta’ filgħaxija
4.Talba qabel l-irqad
5. Rużarju
6. Quddiesa f’xi ħin tal-ġurnata
7. Ripetizzjoni ta’ ġjakulatorji sempliċi matul il-ġurnata waqt li wieħed ikun qed jagħmel xi biċċa xogħol
Tradizzjonalment hemm id-drawwa tal-Angelus fit-8.00am, f’12.00pm u fis-6.00pm. Għalkemm jidhru li huma ħafna, dawn il-mumenti tat-talb qosra huma faċli li wieħed josservahom, dejjem jekk hemm ir-rieda, u jgħinuna biex ngħinu lilna nfusna fl-għixien tal-preżenza ta’ Alla.
Go Ahead, Leave A Comment