Tfittxuni bħalkieku kontu ġustiIl-profeti kollha fil-Kotba Mqaddsa dejjem wissew lill-poplu li l-espressjonijiet tal-kult ma jfissru xejn u huma ritwali vojta, karnival jekk trid, jekk ma humiex imseħbin mal-ħajja tat-tjieba. Iżaija llum (Is 58:1-9) iqiegħed fuq fomm Alla l-ilment li l-poplu tiegħu imur quddiem Alla daqs li kieku hu gust, daqs li kieku kollox sejjer tajjeb! L-ewwel minn filgħodu sa filgħaxija joffendi l-qdusija ta’ Alla u l-glorja tiegħu bl-inġustizzji, korruzzjoni, idolatrija tal-flus u l-bqija, imbagħad josserva l-preċetti tas-sawm, tat-talb, tal-kult u jippreżenta ruħu quddiem Alla daqskieku xejn. Qisu bħal meta xi ħadd ikun inġurjak u għamillek ħsara liema bħalha imbagħad jiġi u joqgħod quddiemek fuq il-mejda daqskieku ma ġara xejn, qisu l-aqwa ħabib tiegħek. Alla dan ma jittollerahx! Il-faċċoliżmu ta’ ħajja doppja ma jġerrħux! Il-qdusija u t-tjieba tidher mhux fit-tgħawwiġ tal-għonq u l-ħafna pożi ta’ qdusija bl-osservanza ta’ riti u eżerċizzji. Il-qdusija tidher fil-kif jiena ninsab ma’ ħuti. Għax jekk tassew jiena ħabib ma’ Alla, l-ewwel nett ngħix l-istess ħajja tiegħu, imbagħad ukoll din il-ħajja tidher fil-mod li bih nittratta lill-oħrajn.

Il-qari ta’ llum jistedinna fuq livell personali u bħala poplu li miżgħud b’ġirja frenetika għal ċelebrazzjonijiet, riti u tijatrini mill-ewwel sal-aħħar tas-sena, biex nieqfu ftit u naraw fejn aħna. Fostna u madwarna tidher, fuq il-mezzi tax-xandir ukoll, ħafna rabja u spirtu ta’ negattività, aggressività, nuqqas ta’ aċċettazzjoni ta’ min hu differenti, u elementi oħra xejn sbieħ li qegħdin bil-mod il-mod bla ma nindunaw jikkonsolidaw irwieħhom f’kultura aċċettata u li fiha qegħdin inrawwmu l-ġenerazzjonijiet żgħar tagħna. Mhux aħjar flok ninħlew fit-tijatrini u l-karnivalati reliġjużi nistaqsu ftit lilna nfusna fejn aħna, fejn sejrin, x’inhu dak li qiegħed isuqna?

Għax ikollna nammettuha, sirna f’daċ-ċelebrazzjonijiet qisna, kif jgħid il-qawl Malti, “festa ta’ tieġ mingħajr l-għarus!” Ġesù fl-evanġelju jorbot is-sawm man-nuqqas tal-għarus u l-ferħ taċ-ċelebrazzjoni mal-preżenza tal-għarus li hu Kristu nnifsu (Mt 9:14-15). Ejjew dar-Randan infittxu mill-ġdid lil Alla hemm fejn jinsab: fl-imħabba tal-proxxmu, fil-prattika tal-opri tal-ħniena materjali u spiritwali. Infittxuh lil Kristu, mhux fil-kartapesta bla ħajja, imma f’ħija u oħti li fihom hu jistedinni narah, inħobbu, naqdih. Għax jekk Alla ħabbna daqshekk, kif nistgħu ma nħobbux lil xulxin bl-istess imħabba tiegħu?

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook