QARI TAL-JUM

Dewt 30:15-20
Salm 1:1-6
Lq 9:22-25

OMELIJA

Ġesù kien qed isir popolari. In-nies minn kullimkien kienu qegħdin jiġru warajh, ifittxuh, jisimgħuh għax fih sabu Mgħallem li ma kienx bħall-oħrajn. Kellu seħer li jiġbdek lejh. Il-folol kienu qegħdin jittamaw fih li “hu kellu jkun dak li jeħles lil Iżrael”. Il-poplu fehem li Ġesù kien il-Messija mwiegħed għax bi mġiebtu u bi kliemu qajjem tama kbira fost dawk li bi ħġarhom kienu għal warajh.

Imma Ġesù ma jqarraq b’ħadd! U għaldaqstant, hija u tikber il-popolarità u l-fama tiegħu, iktar ma n-numru ta’ dawk li qatgħuha li jimxu warajh beda jikber, Ġesù qatgħaha li jqiegħed il-karti kollha fuq il-mejda, biex ħadd ma jilludi ruħu, biex kulħadd ikun jaf wara min qed jagħżel li jimxi. Ġesù llum jikxef il-karta tas-Salib u jifrixha fuq il-mejda quddiem dak li huma msaħħrin warajh. B’din il-karta – li nistgħu nsejħulha l-karta tal-identità tiegħu – Ġesù juri tassew x’tip ta’ Messija hu u fl-istess waqt juri x’tip ta’ dixxipli jrid għal warajh. Lil dawk li kienu ġa dixxipli tiegħu, jikxfilhom xi ħaġa dwaru: “Jeħtieġ li Bin il-bniedem ibati ħafna, jiċħduh ix-xjuħ u l-qassisin il-kbar u l-kittieba, joqtluh, u fit-tielet jum iqum”. Lil dawk imbagħad li kienu qed jilgħabu mal-ħsieb isirux dixxipli jew le, jgħidilhom: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha; imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isalvaha. Għax x’jiswielu l-bniedem li jikseb id-dinja kollha u mbagħad jintilef jew jinqered?”. Iktar ċar minn hekk, ma setax ikun: Dak li jimmarka lil Ġesù u lid-dixxipli tiegħu huwa s-Salib. Ma hemmx kantunieri u triq tan-nofs. Issa jew wieħed jaċċetta din il-verità jew inkella jaqbillu ma jaħsibha sew qabel jimxi wara Ġesù. U jekk diġà huwa dixxiplu, imma s-Salib ma jaċċettahx, allura għandu jkun jaf li ma hu dixxiplu xejn!

Ġesù ma jsejħilniex għas-Salib, għat-tbatija! Ġesù jsejħilna għall-glorja! Imma din il-glorja tiġi bi prezz, prezz għoli. Għax mhijiex glorja mibnija fuq kisba ta’ xi poter fuq l-oħrajn, fi kliem Ġesù “jikseb id-dinja kollha” imma hija glorja mibnija fuq għotja sħiħa tiegħek innifsek lil Alla u lill-oħrajn, jiġri x’jiġri u huma x’inhu ċ-ċirkustanzi li fihom issib ruħek. Is-Salib iktar milli tbatija – għax min ma jbatix fid-dinja? Anke l-bhejjem u l-ħlejjaq ibatu – huwa r-rahan tal-fedeltà lejn Alla u lejn il-valuri ta’ Ġesù. Is-Salib huwa nisrani meta huwa frott l-għażla li hu jqiegħed quddiemek fl-ewwel qari ta’ llum: “li tħobb lill-Mulej, Alla tiegħek, li timxi fit-triqat tiegħu, u li tħares l-ordnijiet u l-liġijiet u d-digrieti tiegħu”. Is-Salib huwa l-hena “tal-bniedem li ma jimxix fuq il-pariri tal-ħżiena, li ma jiqafx fi triq il-ħatjin, li ma joqgħodx fil-laqgħat taż-żeblieħa; imma fil-liġi tal-Mulej hi l-għaxqa tiegħu, lejl u nhar jaħseb fil-liġi tiegħu”, kif naqraw fis-Salm tal-Liturġija ta’ llum.

Nitolbuh il-grazzja lil Ġesù llum, li ngħażlu b’determinazzjoni li nimxu warajh jiġri x’jiġri, ikun xi jkun. Il-Qaddej ta’ Alla P. Avertan Fenech quddiem is-Salib jitlob il-grazzja tar-riżoluzzjoni, jiġifieri li naqtgħuha darba għal dejjem li nirrinunzjaw għal kollox għal Ġesù u l-mixja tagħna warajh.

Agħmel tiegħek it-talba tiegħu illum u ssaħħaħ fil-fehma li timxi wara Kristu b’qalb sħiħa sal-mewt.

“Aħna riżoluti, o Ġesù,
li nirrinunzjaw kollox għal imħabbtek u ,
mgħannqin mas-Salib tiegħek
irridu ngħixu u mmutu bħalek,
privi mill-ħwejjeġ żejda tad-dinja
u ma nixtequx ħlief dawk tas-Sema.
Din hija l-unika xewqa tagħna,
li nisperaw li tistħoqqilna dik il-ġurnata
li niġu ngawduk għall-eternità ġewwa l-Ġenna
kif inti wegħditna.
Hekk Ikun.”

 

One Comment to "Il-Ħamis wara l-Erbgħa tal-Irmied"

  • Farrugia Josephine
    03/03/2017 at 8:39 am

    Proset ghal din il-pagna ferm interessanti fejn tajt spjegazzjoni ferm sabiha u ta min jifhimha dwar il qari tal-Evangelu tal-Hamis. Nixtieq nibqa nirceviha. Grazzi

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook