Fil-Kelma ta’ Alla għall-quddiesa ta’ llum għandna miġbura flimkien il-Liġi u l-Qima, il-Kmandamenti u t-Tempju. Dawn it-tnejn il-Kelma ta’ Alla kemm fit-Testment il-Qadim u kemm fil-Ġdid huma marbutin flimkien, ħaġa waħda. Il-Kmandamenti huma l-programm ta’ ħajja li Alla fassal għall-poplu tiegħu wara li ħareġ mill-jasar tal-Eġittu. Il-jasar fl-Eġittu ma kienx biss wieħed materjali u politiku ta’ ġens li jaħkem fuq ġens ieħor, imma wkoll jasar spiritwali. Il-qagħda mwegħra tal-poplu Lhudi fl-Eġittu jassret ukoll il-ħelsien fil-qima lil Alla. Mhux biss għax il-poplu ma kellux post tal-kult, it-tempju tiegħu, imma iktar minn hekk għax f’art pagana, imdawwrin bid-drawwiet pagani tal-idolatrija, il-poplu ttieħed u tjassar spiritwalment.Għalhekk Mosè lill-Fargħun jitolbu jħalli lill-poplu jmur fid-deżert sabiex dan il-poplu jkun jista’ jqim lil Alla bil-libertà miċuda lilu. Jekk il-ħelsien mill-jasar politiku tal-Eġittu kien ifisser ħruġ minn dik l-art u mill-ħakma politika tal-Fargħun, il-ħelsien mill-jasar spiritwali kien iktar iebes għax jimplika t-trasformazzjoni tal-qalb, il-purifikazzjoni tagħha mix-xkiel interjuri f’mixja ta’ ħelsien bħala wlied Alla. Għalhekk Alla fid-deżert joffri l-kmandamenti dan il-proġett ta’ ħajja li xogħolu kien li jżomm lill-poplu fil-ħelsien li kiseb u jiffurmah biex jeħles mill-jasar spiritwali tal-qalb. Huwa b’dan il-ħelsien li nistgħu nagħtu tassew qima lil Alla, bħalma Ġesù jgħid lis-Samaritana: “qima fl-ispirtu u s-sewwa”, il-qima tal-qalb safja. sinċiera u tajba quddiem Alla u l-bnedmin. Il-kult tat-tempju ma jagħmilx sens jekk mhux ħiereġ minn din il-libertà interjuri ta’ qalb li mhijiex imjassra bil-ġibdiet u r-rabtiet diżordinati f’din l-art. Qima fit-tempju li mhijiex espressjoni ta’ dan il-ħelsien interjuri ta’ wlied Alla fil-ħajja ta’ kuljum, ma huwa xejn ħlief ritwal vojt, bħalma huma ħafna mill-liturġiji tagħna. Qatt staqsejna jekk hux il-każ li l-quddies tagħna huwa mejjet, għax hu sintomu ta’ marda iktar gravi?Ħajja spiritwali mejta, nuqqas ta’ relazzjoni ma’ Alla u għixien tal-valuri tal-Evanġelju fil-prattika tal-ħajja ta’ kuljum? Aktarx li l-liturġiji tagħna huma mejta għax il-ħajja tagħna f’Alla hija mejta, il-ħajja nisranija tagħna hija mejta.
Għalhekk Ġesù llum iqalfat lil kulħadd ’il barra mit-tempju għax il-qima lil Alla veru kienet saret bħal kult pagan, suq li fih tixtri u tbiegħ, fis-sens li lil Alla nsoddlu ħalqu bil-preskrizzjonijiet tal-liturġija –fi żmien Ġesù l-offerta tas-sagrifiċċju tal-ħruq tal-annimali vittmi – u talli nagħmel hekk huwa jagħtini dak li neħtieġ u nibqgħu hu bi kwietu fit-tempju u jiena bi kwieti f’ħajti li nfassalha skont ma jidhirli u jaqbilli. Meta niġi fil-bżonn, nerġa’ mmur it-tempju u nipprova nixtri mingħand Alla dak li għandi bżonn. Il-kult tat-tempju fi żmien Ġesù kien sar tijatrin ta’ jasar. Il-poplu kien imjassar taħt ir-Rumani. Il-munita kienet dik Rumana li tintuża għall-ħajja ta’ kuljum u kienet turi li hu poplu maħkum mhux ħieles. Fit-Tempju, biex wieħed jagħti qima u jixtri l-vittmi tas-sagrifiċċju, ma setax juża l-muniti tal-jasar, imma l-munita tat-Tempju, li kienet is-simbolu tal-ħelsien… illużjoni ta’ ħelsien, ħelsien maħluq mill-bnedmin għall-bnedmin! Ġesù jqiegħed lilu nnifsu fin-nofs. Hu t-tempju ta’ Alla għal raġuni waħda: għax fih il-Kelma ta’ Alla, jew il-Liġi, tlaħħmet u bħala bniedem kien mogħti kollu kemm hu lil Alla u għas-saltna tiegħu. F’Ġesù biss hemm tassew il-kult veru ta’ Alla u aħna nistgħu nagħtu kult veru lil Alla meta ħajjitna tiġi mibdula u trasformata f’dik ta’ Ġesù hekk li nkunu ħielsa tassew li noffru ħajjitna lilu u lill-ħutna l-bnedmin fil-ħajja prattika ta’ kuljum, li mbagħad niċċelebrawha fit-tempju meta flimkien ma’ ħutna nsara niċċelebraw li aħna wlied Alla tassew fi Kristu u nieħdu l-qawwa biex ngħixu ta’ wlied Alla fil-ħajja prattika ta’ kuljum.
Go Ahead, Leave A Comment