Feb 20th

Fil-Liturġija tal-Kelma għall-quddiesa ta’ llum tidher ħafna drabi il-kelma “sawm”. Nistgħu ngħidu li fil-fatt il-Knisja llum fl-għażla tal-qari tixtieq iddawwalna fuq is-sawm bħala aspett mhux biss tar-Randan imma tal-għixien tal-ħajja nisranija.

L-ewwel qari meħud mill-kapitlu 58 tal-Profeta Iżaija versi 1 sa 9, jibda’ bix-xewqa tal-poplu għal Alla: “minn jum għal ieħor ifittxuni u jixtiequ jkunu jafu l-mogħdijiet tiegħi… jixtiequ jgħarfu lil Alla”. Biex jaqtgħu din ix-xewqa jipprattikaw is-sawm. Imma xorta waħda lil Alla ma jgħarfuhx, xorta x-xewqa ta’ qalbhom ma tinqatax. U Alla permezz ta’ Iżaija ifisser l-għala: Minkejja s-sawm ritwali ta’ stonku vojt xorta qalbhom hija mimlija bil-ħażen u bl-inġustizzja u bil-kapriċċi ta’ min hu vvizzjat u egoist.

FastingIs-sawm huwa intimament marbut max-xewqa. Fit-tnejn li huma hemm l-esperjenza ta’ nuqqas. Meta nsum inħoss in-nuqqas ta’ ikel f’ħalq u fi stonku vojt. Meta nixtieq ifisser li għandi n-nuqqas ta’ dak l-oġġett li nixtieq. Ix-xewqat, minkejja li huma newtrali u parti normali mill-kundizzjoni tagħna ta’ bnedmin, jistgħu ifixkluna għax jitfu fina dik ix-xewqa ewlenija li tinsab fil-qalba ta’ ruħna, ix-xewqa għal Alla. Jekk noqgħodu ftit għassa jew attenti għalina nfusna nindunaw li fil-qiegħ net, fil-qalba ta’ ruħna hemm vojt li minnu tinbet ix-xewqa u dan il-vojt ma jimteliex jekk mhux b’Alla. Aħna fil-periklu li dan il-vojt, xewqa jew għatx nippruvaw nimlewh bil-ħwejjeġ maħluqa b’tali mod li nsiru dipendenti fuq dawn il-ħwejjeġ li ijassruna u jsaħħu fina l-ego-ċentriżmu (jiġifieri li kollox idur miegħi). Tant jista’ jkun li qalbna hi mimlija bil-ħwejjeġ materjali li ma nindunawx li qed noħonqu fina x-xewqa għal Alla u ma nindunawx li bil-mod il-mod inkunu qegħdin nidħlu f’ċirku ta’ dipendenza u jasar, dak li llum insejħulu addictions u li skont xi studji, dawn qed jiżdiedu u jieħdu forom ġodda bħad-dipendenza fuq is-Social Networking Sites bħal Facebook u l-bqija li jkabbru fina l-periklu tal-għeluq fina nfusna u li nqegħdu lilna nfusna fiċ-ċentru hekk li kollox jibda’ jieħu valur u attenzjoni jekk jissodisfali u jaqtgħali x-xewqat tiegħi. Is-sawm jgħinni neduka ix-xewqat ta’ qalbi, jgħinni kapaċi noqgħod mal-esperjenza tal-vojt, tan-nuqqas u hekk nibda’ nintebaħ bil-vojt aktar profond għal Alla u nintebaħ bin-nuqqas u bil-ħtiġijiet ta’ ħuti waqt li noħroġ minni nnifsi biex niltaqa’ ma’ Alla u ma’ ħuti l-bnedmin.

Fl-evanġelju ta’ llum Ġesù jitfa’ s-sawm fil-fatt, fil-kuntest tan-nuqqas tal-Għarus. L-Għarus huwa dak li jġib il-ferħ, dak li jimla’ bil-preżenza tiegħu il-festa, il-mistednin, il-ħaddara. Huwa l-ferħ u l-għaxqa tal-għarusa tiegħu. “Jasal il-jum meta l-Għarus jitteħdilhom u dakinhar isumu” ikompli Ġesù. Naturalment il-jum li qed jirreferi għalih huwa l-jum tal-Ġimgħa l-Kbira, dakinhar li Kristu jittieħed minn qalb id-dixxipli tiegħu u dakinhar isumu għax hu ħalla vojt kbir warajh, liema vojt għadna nagħmlu esperjenza tiegħu aħna għax għalkemm Kristu hu preżenti fostna, il-preżenza tiegħu hi waħda spiritwali u mhux fiżika, ma taqax taħt is-sensi tagħna u allura neħtieġu attenzjoni, edukazzjoni u formazzjoni biex nindunaw b’din il-preżenza. Is-sawm u l-altruwiżmu fil-konfront ta’ ħutna fil-bżonn kif ukoll l-isforz biex ngħixu ħajja retta huma mezzi li jgħinuna nsibu l-preżenza ta’ Kristu u nħalluh jimlielna qalbna.

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook