San Xmun Stock: 850 mit-twelid, 750 Sena mill-mewt
16 ta’ Mejju 2015

Is-snin 2014-2016 nistgħu tassew insejħulhom “Snin Karmelitani” għax matulhom jaħbat għeluq l-400 sena mill-mewt ta’ P. Jeronimo Gracian (1614-2014) il-500 sena mit-twelid ta’ Santa Tereża ta’ Ġesù (1515-2015), 750 sena mill-mewt ta’ San Xmun Stock (1265-2015), u l-450 sena mit-twelid ta’ Santa Marija Maddalena de’ Pazzi (1566-2016). Simon StockMatul din is-sena 2015 kien jixraq li niffukaw iktar fuq Santa Tereża ta’ Ġesù minħabba li hija Duttur tal-Knisja u ħalliet lill-Karmelu u lill-Knisja tagħlim mill-aktar għoli dwar il-ħajja spiritwali. Xieraq ukoll iżda li nfakkru lil San Xmun Stock li huwa qaddis interessanti minħabba li minkejja prattikament ftit li xejn nafu fuqu, madanakollu l-figura tiegħu ħalliet impatt fuq l-identità tal-Ordni Karmelitan.

Waħda mill-ewwel riferenzi li nsibu għalih hija dik tad-Dumnikan Ġilardu ta’ Fracheto (+1271) li fil-ħajja tal-Beatu Ġordan li miet mgħarraq fl-1237, isemmi lil ċertu wieħed Karmelitan li huwa u għaddej minn kriżi vokazzjonali, jidhirlu u jsalvalu l-vokazzjoni tiegħu bil-kliem: “kull min jaqdi lil Ġesù Kristu sal-aħħar, dan isalva”. Id-Dumnikan Ġilardu jkompli jikteb li “l-pirjol tal-Ordni Karmelitan, Fra Xmun” jirrakkonta din il-ġrajja. Min kien dan Xmun ma nafux eżatt. Aktarx li huwa l-Pirjol Ġenerali Stock elett fil-kapitlu tal-1254 f’Londra. Filwaqt li l-Ġeneral Xmun Stock jingħad li dejjem talab lil Madonna tagħti lill-Ordni rahan ta’ mħabbitha u tal-ħarsien tagħha, ma jingħadx li dehritlu Sidtna Marija. Ismu kien imniżżel ukoll f’kalendarju liturġiku ta’ Orange u nafu li miet nhar is-16 ta’ Mejju 1265 f’Bordeaux fl-età 100 sena. Jekk inhu hekk id-data tat-twelid tiegħu hija l-1165, 850 sena ilu, f’Kent.

Min-naħa l-oħra nsibu riferenzi wkoll għal ċertu Karmelitan jismu Xmun li kellu l-viżjoni mistika ta’ Sidtna Marija li fiha hija qaltlu waqt li wrietu l-iskapular: “Hoc erit tibi et cunctis Carmelitis privilegium, quod in hoc moriens salvabitur”, jiġifieri: “Dan huwa r-rahan għalik u għall-Karmelitani kollha, li kull min imut fih ikun salv”. Jista’ jkun li dawn ir-riferenzi jirreferu għal żewġ persuni distinti li mbagħad saru wieħed minħabba r-rabta Marjana. Hu x’inhu isem Xmun kellu jintrabat għal dejjem mal-viżjoni tal-Iskapular. Biż-żmien ir-rakkont sempliċi ta’ din l-esperjenza mistika ta’ Xmun ġiet elaborata fil-kitba aġjografika u għalkemm żammet l-element essenzjali żviluppat f’rakkont fantażjuż.

Simon Stock Relic

 

Xmun Stock huwa wieħed minn dik il-ġenerazzjoni ta’ Karmelitani li mexxew l-Ordni fit-tranżizzjoni mill-ħajja eremitika għal dik mendikanti: Goffredu, Xmun, Nikola l-Franċiż, Ralph, Pietru u Raymondu. Interessanti kif dawn il-Pirjoli Ġenerali, jinnota l-istoriku Joachim Smet, kienu kollha patrijiet eremiti jew imfakkra bħala kontemplattivi. Jidher li għat-treġija tal-Ordni kienu jintgħażlu din il-kwalità ta’ persuni u mhux dawk mogħtija wkoll għall-appostolat attiv. Il-laqam Stock fil-fatt twaħħal mal-isem Xmun għax it-tradizzjoni żżomm li qabel issieħeb mal-Karmelitani meta dawn daħlu l-Ingilterra, kien jgħix ta’ eremit u jinħeba f’zokk ta’ Balluta u xi minn daqqiet kien joħroġ mill-eremitaġġ jipprietka. Huwa ssieħeb mal-Karmelitani u fi żmienu l-Ordni tferrex sew mhux biss mal-Ingilterra iżda wkoll mal-Ewropa.

Il-viżjoni tal-Madonna lil San Xmun Stock ġiet ikkontestata mill-istoriċi l-ewwel darba fis-seklu 17, imbagħad fis-seklu 20 tant li r-Riforma Liturġika tal-Konċilju Vatikan II neħħietu mill-kalendarju liturġiku Karmelitan u iktar tard l-Ordni talab li jerġa’ jidħol lura fil-kalendarju, iżda biex sar dan, tqegħdet kundizzjoni li ma ssir l-ebda riferenza lejn il-viżjoni tal-Madonna lilu. Madanakollu ismu ma jista’ qatt jinfired minn din il-ġrajja u għalkemm fit-testi liturġiċi ma ssir l-ebda riferenza għal dan xorta waħda, hu baqa’ magħruf għal din l-hekk imsejħa dehra. L-argumenti kontra l-istoriċità ta’ din il-ġrajja tinbena fuq il-fatt li 1) il-ġrajja tad-dehra tissemma ħafna wara li għex San Xmun Stock u 2) għax hemm diversi ġrajjiet oħra Medjevali ta’ qaddisin u reliġjużi oħra li jingħad li kellhom dehriet simili għal din ta’ San Xmun Stock. Ta’ min isemmi wkoll li l-istoriċi jaqblu wkoll li madanakollu ma hemm l-ebda ċertezza u prova mil-lat storiku li teħodha direttament kontra l-possibilità ta’ din il-ġrajja.

Our-Lady-of-Mount-CarmelFil-fehma tiegħi il-kwestjoni tista’, u għandha tiġi nterpretata mil-lenti tat-teoloġija mistika, fejn hemm distinzjoni bejn “dehra” li hija b’terminu preċiż “apparizzjoni” (bħal fil-ġrajjiet ta’ Lourdes u Fatima) u “viżjoni” li preċiżament tirreferi għal esperjenza mistika interjuri. Fl-ewwel tip id-“dehra” sseħħ, biex ngħidu hekk minn barra u l-persuna jew persuni jaraw bl-għajnejn tal-ġisem, l-apparizzjoni quddiemhom, u għalhekk tissejjaħ “dehra korporali”, waqt li fit-tieni, l-esperjenza hija waħda intimament interjuri u hija frott l-esperjenza mistika fil-ħajja tat-talb u generalment isseħħ waqt esperjenza ta’ estasi fit-talb. F’dan il-każ niddistingwu żewġ tipi: “dehra intellettwali” (li fiha l-persuna tifhem misteri u veritajiet sopranaturali) u “dehra immaġinattiva” (li fiha l-persuna tara bl-għajnejn interjuri u mhux tal-ġisem realtajiet spiritwali u simboliċi). Karatteristika oħra ta’ “viżjoni” frott l-esperjenza mistika tal-persuna hija marbuta mal-qdusija tal-persuna nnifisha li f’ħajjitha tikkopera mal-grazzja ta’ Alla. Min-naħa l-oħra l-“apparizzjoni” jew id-“dehra korporali” mhux bilfors tindika l-qdusija tal-persuna li “tara”, bħal fil każ tad-dehriet tal-Madonna f’La Salette, Franza jew fi Tre Fontane, l-Italja. Fil-każ ta’ San Xmun Stock għandna raġuni nżommu li l-karatteristiċi tad-dehra jitfgħuha fil-kategorija ta’ esperjenza mistika immaġinattiva:

1) Xmun Stock magħruf għal ħajja ta’ talb intensa u kontemplattiva
2) Id-dehra sseħħ waqt it-talb ta’ Xmun Stock lill-Verġni Marija għall-ħarsien
3) Id-dehra tikxef realtà u verità spiritwali (i.e. Marija u l-ħarsien tagħha għall-persevenza fil-qadi ta’ Alla)
4) Id-dehra tikxef ir-realtà u l-verità spiritwali b’mod simboliku (ie. L-iskapular, jew il-libsa Karmelitana, li iktar tard ġiet imqassra għall-użu ta’ kulħadd u mhux biss għall-Karmelitani fil-forma tal-Labtu kif nafuh illum).

Il-Pirjol ta’ Aylsford P. Damian Cassidy, O.Carm. jirrifletti li “llum miljuni ta’ nies jilbsu l-Labtu tal-Madonna tal-Karmnu minħabba din l-esperjenza mistika ta’ Xmun”. Tassew li l-Labtu tal-Karmnu jew l-Iskapular huwa s-simbolu tad-dedikazzjoni tagħna fil-qadi ta’ Alla u ta’ Ommna Marija Santissima, kif ukoll tal-ħarsien tagħha fuqna sa ma’ naslu li ngawdu lil Alla wiċċ imb’wiċċ.

Għandu jgħidilna xi ħaġa l-fatt li minkejja Xmun Stock safa’ vittma tal-attakki storiko-kritiċi xorta waħda hu baqa’ dik il-figura li tiġbor fiha mudell ta’ dak li għandha tkun ħajja Karmelitana awtentika:

1) Ħajja ta’ talb ma jaqta’ xejn
2) Kontemplazzjoni mifhuma bħala “ħajja moħbija flimkien ma’ Kristu f’Alla” (Kol 3:3)
3) Ħajja Marjana mifhuma bħala għotja lil Alla fl-ispirtu ta’ Marija u serħan interjuri fil-ħarsien tagħha fuqna.
4) Ħajja ta’ qadi lill-Knisja mibnija fuq il-Kelma ta’ Alla

F’dan iċ-ċentinarju doppju li jfakkar it-twelid u l-mewt qaddisa ta’ Xmun Stock, nitolbu lil Alla l-grazzja li ngħixu b’iktar awtentiċità s-sejħa Karmelitana tagħna f’dan iż-żmien ta’ taqlib waqt li nroddu ħajr lil Alla tal-grazzji kollha li sawwab fuq il-Knisja u fuq il-Karmelu permezz tal-esperjenza mistika ta’ San Xmun Stock u l-ħarsien ta’ Sidtna Marija fuqna wlied speċjali tagħha permezz tal-Labtu. Isem San Xmun Stock intrabat b’rabta li ma tinħallx mal-isem ta’ Sidtna Marija. Jalla aħna wkoll ngħixu din ir-rabta mistika u spiritwali mal-isem ħelu ta’ Ommna Marija Santissima.

Go Ahead, Leave A Comment

Name *: Mail *: won´t be published Website
Comment*:

NEXT EVENT :

Spirituality and Politics

CONTINUE READING OR

SERVICES

  • 6:30 am Rosary
  • 6:45 am Lauds
  • 7:00 am Holy Mass
  • 12:30 pm Office of Readings & Midday Prayer
  • 5:30 pm (Wednesdays) Holy Mass
  • 7:00 pm (Saturdays) Lectio Divina in common
  • 7:30 pm Meditation
  • 8:00 pm Vespers
  • Full schedule

 

OUR LOCATION

Carmelite Priory Villegaignon Street Mdina, Malta
 
  • Our News

    Stay Updated
  • Recent Events

    What are we up to?
  • Blog Topics

  • Subscribe: Events RSS

    • RSS Feed for Posts
  • Subscribe: Blog RSS

    • RSS Feed for Posts
  • COPYRIGHT © THE CARMELITE PRIORY. ALL RIGHTS RESERVED.
    Follow us on  Facebook