Lulju jġib miegħu is-sħana u għalina l-Karmelitani l-festa Patronali tal-Madonna tal-Karmnu fis-16 u ta’ San Elija Missierna fl-20. Din is-sena niċċelebrawhom b’sens ta’ radd il-ħajr f’għeluq is-600 sena tal-miġja tagħna f’Malta mal-ftuħ tat-testment ta’ Margerita ta’ Aragona li mietet fl-1418. Il-festa devota tal-Madonna tal-Karmnu fl-Imdina tiġi ċċelebrata bejn it-12 u t-22 ta’ Lulju. Ma’ din l-ittre ssibu l-programm mehmuż.
Minn din is-sena erġajna bdejna norganizzaw irtiri Karmelitani fid-Dar tat-talb Lunzjata. Bejn it-18 u l-20 ta’ Mejju mexxejna l-irtir bit-tema Bilqegħda ma’ Ġesù u kien suċċess kemm fin-numru kif ukoll fl-ispirtu li bih ingħax. Għandna f’moħħna nibqgħu norganizzaw irtiri Karmelitani fix-xhur li ġejjin. Iktar dettalji jintbagħtu lil dawk li talbuna li jixtiequ informazzjoni dwar l-irtiri u attivitajiet oħra li norganizzaw.
Din is-sena wkoll qegħdin infakkru għeluq il-75 sena mill-mewt tal-Qaddej ta’ Alla P. Avertan Fenech li għex il-biċċa l-kbira ta’ ħajtu fil-kunvent tal-Imdina fejn għadha miżmuma t-tifkira għażiża tiegħu u l-irkejjen marbuta miegħu. Din is-sena qed infakkruh b’diversi inizjattivi. Diġà kellna l-pellegrinaġġ għall-imkejjen marbutin ma’ ħajtu, ippublikajna wkoll midalja kommemorattiva f’eżemplari limitat ta’ 100 u nhar l-10 ta’ Lulju se tinkixef irħama fil-Mosta mad-dar fejn twieled u trabba. Nirringrazzjaw lill-Kunsill Lokali tal-Mosta, lill-Parroċċa u wkoll lir-residenti li llum joqgħodu fid-dar tal-koperazzjoni u l-ħeġġa tagħhom għal din l-inizjattiva.
Il-kunvent huwa wkoll is-sede tal-Carmelite Institute Malta, li din is-sena jiċċelebra wkoll l-10 snin mit-twaqqif tiegħu fl-2008. L-Istitut jikkollabora mal-Pastoral Formation Institute biex joffri korsijiet ta’ spiritwalità u wkoll mal-Fakultà tat-Teoloġija billi jikkontribwixxi għall-programm MA fl-Ispiritwalità u b’mod partikulari fl-Ispiritwalità Karmelitana. L-applikazzjonijiet għall-MA li se jiftaħ f’Ottubru għadhom miftuħa.
Nieħdu l-okkażjoni wkoll biex nifirħu lil P. Kurt Mizzi li f’dawn il-jiem iċċelebra l-Ewwel Quddiesa Solenni ta’ Radd il-Ħajr għad-don tal-Presbiterat. Bħala komunità niċċelebraw flimkien miegħu dan id-don nhar l-20 ta’ Lulju fil-quddiesa tas-6.30pm. Nifirħulu u nitolbu għalih.
Fl-aħħarnett aġġornajna l-Privacy Policy skont in-normi tal-GDPR. Din l-ittre qed tintbagħat lil min jinsab fuq il-mailing list tagħna u ma talabx li jitneħħa minn fuqha wara l-avviż li ntbagħat f’Mejju. Infakkrukom li, bħal dejjem fuq is-sit tagħna, hemm il-possibilità li wieħed jitneħħa mill-mailing list billi jagħfas il-buttuna unsubscribe.
Filwaqt li nsellu għalikom nirringrazzjawkom talli ssostnu l-ħajja l-attivitajiet tal-Karmnu fl-Imdina bis-sehem u t-talb tagħkom.
Tislijiet u barkiet
Il-Komunità Karmelitana fl-Imdina
One Comment to "2018 Sena ta’ tifkiriet u radd ta’ ħajr"
We use cookies to ensure that we give you the best experience on our website. If you continue to use this site we will assume that you are happy with it.OkPrivacy policy
One Comment to "2018 Sena ta’ tifkiriet u radd ta’ ħajr"
Proset ta din il-webste u tal informazzjoni li fiha. pray for us
Go Ahead, Leave A Comment