Waslu l-jiem li fihom niċċelebraw l-Għid tal-Mulej. Ir-Rebbiegħa ġġib magħha sens ta’ ħajja ġdida u dak li ngħixu fiċ-ċiklu naturali tal-ħolqien ngħixuh u niċċelebrawh ukoll ritwalment fil-ħajja tal-fidi tagħna bi mpenn li nagħtu pass ieħor ’il quddiem fil-ħajja ġdida ma’ Kristu. Fil-15 ta’ Marzu niċċelebraw ir-Rebbiegħa u l-ħajja ġdida b’wirja tan-naħal fil-kunvent.
Dan iż-żmien iġib miegħu bil-mod il-mod arja ta’ festa. Nibdew bil-festa sabiħa ta’ San Ġużepp, bil-festa tat-Tħabbira tal-Mulej lil Marija u mbagħad ngħaddu għall-Ġimgħa Mqaddsa li fiha ngħixu l-aħħar jiem ta’ Ġesù fostna bħala bniedem fl-għotja sħiħa tiegħu innifsu.
Għal dan iż-żmien ukoll fil-Karmnu tal-Mdina ħejjejna programm sabiħ ta’ attivitajiet li jgħinuna ngħixu dan iż-żmien b’intensità umana u spiritwali. Inkomplu bil-katekeżi fuq il-Qrarnhar ta’ Erbgħa fit-8pm; mid-9 sat-13 ta’ Marzu jkollna l-eżerċizzi fis-6.30pm u fit-13 ta’ Marzu fis-7.30pm ikollna wkoll taħdita mis-Sur Mario Azzopardi fuq Santa Tereża ta’ Ġesù fil-kunvent. Il-festi tal-Għid nibdewhom bil-festa ta’ San Ġużepp fil-knisja tagħna. Ikollna jiem ta’ tridu mis-16 sat-18 ta’ Marzu. Wara l-quddies tas-7am bl-omelija, jkollna ċelebrazzjoni qasira ta’ talb u riflessjoni dwar San Ġużepp. L-Erbgħa 18 ta’ Marzu, l-għasar u l-quddiesa tal-5.30pm jkunu tal-festa ta’ San Ġużepp. Fil-21 ta’ Marzu nibdew it-tħejjija għall-festa titulari tat-Tħabbira tal-Mulej li niċċelebrawha fil-25 ta’ Marzu.
Waqt li nistednukom tieħdu sehem fil-ħajja tal-kunvent flimkien magħna u mal-ħbieb kollha li jinġabru madwarna, nixtequlkom Għid qaddis fil-Mulej, imqaddes bis-sehem fis-sagramenti tal-Knisja.
Go Ahead, Leave A Comment